Kif tagħmel abort minn Malta:
Informazzjoni dwar pilloli tal-abort, kliniċi tal-abort, u kif tikseb l-għajnuna.
Merħba fil-gwida kompleta u mingħir ċensura dwar kif tagħmel abort minn Malta. Jekk issib din il-gwida utli, jekk jogħġbok irrakkomandaha lil ħaddieħor.
Werrej
Għandi bżonn abort - X'għażliet għandi?
Abort bil-Pilloli
Kif tordna l-pilloli tal-abort
Kif tuża l-pilloli ta tal-abort
Wara li tuża l-pilloli tal-abort
Kliniki tal-Abort barra minn Malta
Agħżel il-pajjiż
Agħżel il-klinika
Ibbukkja t-titjiriet u akkomodazzjoni
Ikseb għajnuna minn Abortion Support Network
Organizzazzjonijiet Pro-Choice f'Malta
Evita lil dawk kontra l-abort
Introduzzjoni
Jekk għandek tqala mhux mixtieqa u ddeċidejt li tagħmel abort, tkun trid informazzjoni preċiża u imparzjali dwar l-abort u kif tagħmel l-abort. Din il-gwida komprensiva inkitbet minn voluntiera pro-choice Maltin biex jgħinu lin-nisa f’Malta jiksbu informazzjoni fuq l-abort u jgħinuhom jiksbu abort b’mod sigur. Kif tgħid l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, il-projbizzjoni tal-abort ma twaqqafx l-abort, iżda tagħmel l-abort iżjed riskjuż għan-nisa. L-abort jista' jgħin lin-nisa jerġgħu jiksbu l-kontroll fuq ħajjithom u l-futur tagħhom, u għalhekk għandu jkun aċċessibbli għal kulħadd.
Sakemm il-politikanti f’Malta finalment ibiddlu l-liġi biex jippermettu li jsir abort sigur u legali f’Malta, aħna nkomplu nipprovdu lin-nisa u l-bniet b’informazzjoni dwar kif ikollhom aċċess għal abort sigur. Jekk ma jogħġbokx l-istatus quo u trid tgħin biex jinbidlu l-liġijiet arkaiċi ta' Malta, kun żgur li tqajjem il-kwistjoni tad-drittijiet riproduttivi kull meta titkellem mal-politikanti, semma leħnek favur id-drittijiet tan-nisa, u kkunsidra li tgħin lill-organizzazzjonijiet pro-choice Maltin fil-missjoni tagħhom. Anke jekk m'intix tfittex abort illum, int jew xi maħbuba tiegħek tistgħu tiġu bżonn is-servizz għada.
Biex tinnaviga din il-gwida, uża l-menu fil-quċċata tal-paġna, jew il-werrej t'hawn fuq. Il-gwida hija miktuba fuq erba' paġni, u tista' timxi bejniethom billi tikklikkja l-links fil-qiegħ tal-paġna.
Liġi dwar l-Abort
L-abort huwa illegali f’Malta minħabba liġi li tmur lura għas-seklu tmintax li l-ebda gvern ma ddeċieda li jemenda s’issa. Il-Kodiċi Kriminali ta' Malta jgħid hekk:
Artiklu 241(1) Kull min b’ikel, b’xorb, b’mediċini, jew bi vjolenza, jew b’kull mezz ieħor, jikkaġuna l-abort ta’ mara tqila, sew bil-kunsens kemm ukoll mingħajr il-kunsens tagħha, jeħel, meta jinsabħati, il-piena ta’ priġunerija minn tmintax-il xahar sa tliet snin.
Artiklu 241(2) L-istess piena tingħata kontra l-mara li tikkaġuna l-abort fuqha nfisha, jew li tkun qagħdet għall-użu tal-mezzi li bihom l-abort ġie ikkaġunat.
Minħabba din il-liġi, in-nisa li jagħmlu abort f’Malta u t-tobba li jipprovdu abort f'Malta jistgħu jittellgħu il-qorti. M'hemm l-ebda eċċezzjoni għal din il-liġi, li jfisser li jekk tkun Malta ma tistax titlob abort għal ebda raġuni - lanqas f'każijiet ta' stupru jew reat sesswali ieħor, jew każijiet fejn it-tarbija m'għandiex ċans ta' ħajja wara t-twelid (magħrufa bħala fatal fetal anomaly).
Huwa rari li jsir infurzar tal-liġi tal-abort. Minkejja l-illegalita' tal-abort, xorta waħda mijiet ta' nisa f'Malta jtemmu t-tqala tagħhom kull sena, u ħafna minnhom jagħmlu dan billi jużaw pilloli tal-abort f'Malta stess. L-ebda mara ma ntbagħtet il-ħabs ħabba abort fl-aħħar ħamsa u għoxrin sena.
Għandi bżonn abort - X'għażliet għandi?
Jekk tixtieq li jkollok abort, l-għażliet u l-metodi ta' abort jiddependu fuq l-istadju tat-tqala tiegħek. Meta tkun qed tikkalkula kemm ġimgħat inti tqila, għodd mill-ewwel jum tal-aħħar period tiegħek. Jekk għandek aktar minn 7 ġimgħat tqala jista' jkollok ultrasound biex tkun taf b'mod preċiż kemm int tqila. Iż-żewġ modi ewlenin kif in-nisa f’Malta jagħmlu l-abort huma billi jordnaw pilloli tal-abort li jaslu bil-posta u jeħduhom id-dar tagħhom f’Malta, jew billi jivvjaġġaw lejn kliniċi tal-abort barra minn pajjiżhom biex jagħmlu abort kirurġiku.
L-abort bil-pilloli, magħruf ukoll bħala abort mediku, jista' jsir id-dar sa 12-il ġimgħa ta' tqala. Dan skont linji gwida mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. Lil hinn minn 12-il ġimgħa r-riskju ta' kumplikazzjonijiet jiżdied u l-użu ta' pilloli tal-abort id-dar ma jibqax rakkomandat. Minħabba li l-abort huwa illegali f'Malta, it-tabib tiegħek f'Malta ma jkunx jista' jagħmillek riċetta għal pilloli tal-abort. Madanakollu, hemm organizzazzjonijiet barra minn Malta li jistgħu jipprovdulek dawn il-pilloli. Normalment isaqsuk għal donazzjoni ta' bejn 75 u 100 Ewro, u jibgħatulek il-pilloli Malta b'posta express.
Abort kirurġiku jsir fi klinika bl-użu ta' strumenti biex titneħħa it-tqala mill-utru tiegħek u jsir minn madwar 8 ġimgħat tqala 'il quddiem (il-punt minn meta l-abort kirġiku jibda' jiġi offrut ivarja minn klinika għal klinika). Sa 14-il ġimgħa tqala dan isir bl-użu ta' kannula sempliċi (imsejħa aspirazzjoni bil-vakwu) u ġeneralment jitlesta fi ftit minuti. Aspirazzjoni tista' ssir taħt loppju lokali jew bl-użu ta' kalmant ħafif. Meta jkollok aspirazzjoni tista' tistenna li tkun fil-klinika għal bejn 3 u 4 sigħat, u l-ispejjeż tal-klinika għal din il-proċedura ġeneralment ikunu ta' madwar 800 Euro.
'Il fuq minn 14-il ġimgħa, l-abort kirurġiku isir billi tinfetaħ ċ-ċerviċi u jitneħħa l-kontenut tal-utru b'forceps (imsejħa dilazzjoni u evakwazzjoni). Din hija proċedura aktar kumplessa u ssir taħt loppju ġenerali (iraqqduk kollok). Jekk tkun se ssir dilatazzjoni u evakwazzjoni ikollok bżonn tkun il-klinika għal ġurnata sħiħa, u tista' tinżamm matul il-lejl għall-osservazzjoni. L-ispejjeż tal-klinika għad-dilatazzjoni u l-evakwazzjoni huma sinifikament ogħla mill-aspirazzjoni, u ġeneralment huma ta' madwar 1,500 sa 2,000 Euro.
Jekk tixtieq issiefer għal abort imma ma tistax tħallas l-ispejjeż kollha, Abortion Support Network jistgħu jgħinuk.
It-tabella li ġejja tiġbor fil-qosor l-għażliet tal-abort disponibbli skont l-istadju tat-tqala tiegħek.
Tista' wkoll tuża din l-app interattiva biex issib l-għażliet u l-metodi ta' abort possibbli fl-istadju tat-tqala tiegħek.
It-tabib tal-familja tiegħek jista' jkun skomdu jiddiskuti l-abort miegħek minħabba l-fatt li l-abort huwa illegali f'Malta. Biex tiddiskuti l-abort ma xi ħadd affidabbli, tista' jew tibbukkja appuntament privat ma' tabib/a jew ġinekologu/a li huwa magħruf li huwa pro-choice, jew tista' tikkuntattja lill-Family Planning Advisory Service (FPAS).
L-FPAS huwa servizz li jagħti informazzjoni, u huwa provdut minn voluntiera pro-choice f’Malta. FPAS jista' jagħtik informazzjoni imparzjali dwar l-abort u jirreferik għand ħaddieħor kif hemm bżonn. Tista' tikkuntattja lill-FPAS billi ċċempel 27782758 jew billi tagħmel chat fuq www.fpas.mt.